Skip to content

Is-Semestru Ewropew fl-2018

  • 1 ta' Jannar

    Din il-paġna fiha kronoloġija ta' avvenimenti u dokumenti relatati mas-Semestru Ewropew fl-2018, f’ordni kronoloġiku maqlub.

  • 2018

    2 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jiddiskuti il-proċess ta' monitoraġġ tal-politika tas-Semestru Ewropew

    Fid-dawl tat-tagħlim meħud mill-eżerċizzju tal-2018, il-ministri għall-finanzi ddiskutew il-proċess ta' monitoraġġ tal-politika tas-Semestru Ewropew waqt il-laqgħa tagħhom tat-2 ta' Ottubru 2018.

    Il-ministri ddiskutew il-modi kif jittejjeb il-proċess u l-eżitu tas-Semestru Ewropew. B'mod aktar speċifiku:

    • kif jittejjeb il-grad ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
    • kif jitrawmu diskussjonijiet multilaterali, fil-qafas tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, biex jiġi żviluppat fehim komuni dwar il-proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
  • 2018

    13 ta' Lulju

    Il-Kunsill jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2018

    Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2018 fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2018. Dan kien l-istadju finali tas-Semestru Ewropew 2018.

    L-objettiv ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet ta' din is-sena huwa li l-istati membri jiġu mħeġġa jużaw il-momentum ekonomiku favorevoli attwali biex isaħħu iktar ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom.

  • 2018

    28 ta' Ġunju

    Il-Kunsill Ewropew japprova rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

    Fil-konklużjonijiet tagħhom, il-mexxejja tal-UE approvaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif diskussi mill-Kunsill, u b'hekk seta' jiġi konkluż is-Semestru Ewropew 2018. Huma enfasizzaw li "s-sitwazzjoni ekonomika tajba attwali għandha tintuża biex jissaħħaħ il-momentum ta' riforma."

  • 2018

    22 ta' Ġunju

    Il-Kunsill approva rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-istati membri tal-UE

    Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill approva abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-istati membri għall-2018.

  • 2018

    23 ta' Mejju

    Il-Kummissjoni Ewropea toħroġ abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2018

    Il-Kummissjoni Ewropea ppublikat il-proposti għal abbozz ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għal kull stat membru tal-UE għall-2018.

    Wara li r-rakkomandazzjonijiet proposti jkunu ġew diskussi u adottati mill-Kunsill, l-istati membri ser ikunu mistennija jirriflettuhom fil-politika nazzjonali tagħhom fit-12-il xahar li jmiss.

  • 2018

    25 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-analiżijiet dettaljati fl-2018, u janalizza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-2017

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-riżultati tal-analiżijiet dettaljati tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-konklużjonijiet fihom ukoll analiżi tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mill-2017.

  • 2018

    22 ta' Marzu

    Il-Kunsill Ewropew japprova l-prijoritajiet ta' politika għall-2018

    Il-mexxejja tal-UE approvaw l-oqsma ta' prijorità tal-politika tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, u stiednu lill-istati membri biex jirriflettuhom fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tagħhom li jmiss. Huma approvaw ukoll l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

  • 2018

    13 ta' Marzu

    Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jiddiskuti r-rapporti speċifiċi għall-pajjiżi u r-reviżjonijiet approfonditi

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rapporti tal-pajjiżi u r-reviżjonijiet approfonditi fl-ambitu tas-Semestru Ewropew. Ir-rapporti tal-pajjiżi jeżaminaw is-sitwazzjoni ekonomika fis-27 stat membru. Ir-reviżjonijiet approfonditi jivvalutaw 12-il stat membru taħt il-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi tal-UE.

  • 2018

    12 ta' Marzu

    Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija

    Il-Kunsill Kompetittività ddiskuta d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE fil-kuntest taċ-ċiklu tas-semestru Ewropew.

    Il-ministri enfasizzaw għadd ta' prijoritajiet fil-qasam tar-riforma strutturali li huma meħtieġa kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha tat-trasformazzjoni diġitali.

  • 2018

    23 ta' Jannar

    Il-Kunsill joħroġ konklużjonijiet dwar gwida makroekonomika u fiskali kif ukoll dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija

    Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta konklużjonijiet dwar gwida makroekonomika u fiskali għall-istati membri kif ukoll dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 2018.

    Ħareġ ukoll rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

  • 2017

    22 ta' Novembru

    Il-Kunsill jirċievi d-dokumenti għas-Semestru Ewropew 2018

    Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-dokumenti mill-"Pakkett tal-ħarifa" rigward is-Semestru Ewropew fl-2018. Il-pakkett huwa bbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni għall-ħarifa tal-2017 u jibni fuq il-prijoritajiet fid-diskors tal-President tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni.

    Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2018

    L-istħarriġ jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali li l-UE kollha kemm hi u l-istati membri tagħha jeħtieġ jiffukaw fuqhom fl-2018.

    Jappella lill-istati membri biex jagħtu spinta lill-investiment u jżidu l-produttività u t-tkabbir fit-tul. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll aktar riformi strutturali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar stabbli, inklużiva, produttiva u reżiljenti.

    Abbozz tar-rapport konġunt dwar l-impjieg

    L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta’ din is-sena juża t-“Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali”, li tivvaluta l-prestazzjoni tal-istati membri abbażi ta’ 14-il indikatur ewlieni. Iqis ukoll ir-riformi fil-politika nazzjonali rigward l-ambizzjonijiet stabbiliti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    Ir-rata tal-qgħad fl-UE baqgħet tonqos u f’Settembru 2017 kienet 7.5 % (8.9 % fiż-żona tal-euro) - l-aktar livell baxx mill-2008.

    Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija 2018

    Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija jibda l-proċedura annwali tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-għan tiegħu huwa li jidentifika u, jekk meħtieġ, jindirizza l-iżbilanċi li jistgħu jxekklu l-funzjonament tajjeb tal-ekonomija tal-UE.

    Fl-2018, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha twettaq reviżjonijiet approfonditi fi 12-il stat membru: il-Bulgarija, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

    Abbozz ta' rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2018

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda pożizzjoni fiskali sostanzjalment newtrali u taħlita ta’ politika bbilanċjata għaż-żona tal-euro kollha kemm hi biex jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-investiment u jtejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri huma wkoll mistiedna jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri għall-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

    Ir-rakkomandazzjoni tappella wkoll għal politiki li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, u jtejbu r-reżiljenza, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza. Il-Kummissjoni tappella lill-istati membri biex jagħmlu progress sinifikanti fit-tlestija tas-Suq Uniku, partikolarment fis-servizzi. Hija tirrakkomanda li titkompla l-ħidma biex titlesta l-unjoni bankarja u li jkun hemm progress rapidu fit-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.