Kif l-UE tipproteġi lill-minorenni online
L-internet għandu rwol dejjem aktar importanti fil-ħajja tat-tfal u l-adolexxenti madwar l-UE. L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu biex jipproteġuhom mir-riskji tad-dinja online.
X'tagħmel l-UE biex tipproteġi lill-minorenni online
L-UE u l-istati membri tagħha jaħdmu flimkien biex jipproteġu lill-minorenni fl-ambjent diġitali, b'rispett għall-valuri u l-prinċipji tal-UE.
Uħud mill-aktar inizjattivi reċenti jinkludu:
- regoli biex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal online
- att dwar is-servizzi diġitali – li jiġġieled il-kontenut ta' ħsara online
- app għall-verifika tal-età fl-UE kollha
- konklużjonijiet dwar ambjent diġitali aktar sikur
Regoli ġodda biex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal online
Ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward regolament għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali online tat-tfal u għall-ġlieda kontra dan. Il-liġi l-ġdida, ladarba tiġi adottata, ser tistabbilixxi obbligi għall-kumpaniji diġitali biex jipprevjenu t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal.
Fornituri online ser ikollhom ineħħu u jimblukkaw l-aċċess għal xi kontenut jew – fil-każ tal-magni tat-tiftix – jeliminaw xi riżultati ta' tiftix. Ir-regolament jistabbilixxi wkoll aġenzija ġdida tal-UE, iċ-Ċentru tal-UE dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal, biex tappoġġa lill-istati membri u lill-fornituri online fl-implimentazzjoni tal-liġi.
Il-Kunsill u l-Parlament qablu wkoll dwar regoli tal-liġi kriminali aktar b'saħħithom dwar l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Pereżempju, skont ir-regoli l-ġodda, il-ħlas biex jiġi aċċessat streaming dirett ta' abbuż sesswali tat-tfal ser ikun jista' jiġi kkastigat. Barra minn hekk, it-tfassil jew l-adattament tas-sistemi tal-IA għall-produzzjoni ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll id-distribuzzjoni ta' sistemi bħal dawn, ser jitqiesu bħala reat kriminali. Dan l-aġġornament kien meħtieġ minħabba li qed jitfaċċa dejjem aktar materjal ta' abbuż deepfake jew iġġenerat mill-IA.
DSA: il-ġlieda kontra kontenut ta' ħsara online
L-UE adottat ukoll l-att dwar is-servizzi diġitali (DSA) biex jgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid ta' kontenut ta' ħsara online, li jista' jaffettwa b'mod negattiv il-benesseri u l-iżvilupp mentali u emozzjonali tal-minorenni.
Id-DSA jirrikjedi li l-pjattaformi online jistabbilixxu miżuri biex jipproteġu aħjar lill-utenti u jneħħu kontenut ta' ħsara bħall-bullying ċibernetiku, id-diskors ta' mibegħda jew il-bejgħ ta' prodotti illegali.
Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva ser tindirizza wkoll is-sikurezza tal-minorenni online. F'Mejju 2025, il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistabbilixxu fuq xiex trid tiffoka l-Kummissjoni Ewropea, inkluż taqsima dwar il-protezzjoni tal-minorenni.
L-approċċ tal-UE għall-verifika tal-età
L-UE introduċiet app Ewropea għall-verifika tal-età biex tgħin lill-pjattaformi online jivverifikaw l-età tal-utenti tagħhom meta jaċċessaw siti legalment ristretti skont l-età.
L-utenti jridu jniżżlu l-app, jikkonfigurawha bil-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom, u jużawha biex jagħtu prova tal-età tagħhom meta jaċċessaw is-servizzi online. L-app tfasslet bl-ogħla standards ta' privatezza fid-dinja, li jippermettu lill-utenti jagħtu prova tal-età tagħhom b'mod anonimu, mingħajr ma jaqsmu l-ebda informazzjoni personali oħra.
Konklużjonijiet dwar ambjent diġitali aktar sikur
F'konklużjonijiet approvati f'Ġunju 2025, il-Kunsill insista fuq miżuri biex jiġi żgurat li t-tfal u l-adolexxenti jkunu jistgħu jużaw l-għodod diġitali b'mod san u sikur, mingħajr ma jqiegħdu s-saħħa mentali tagħhom f'riskju.
Il-miżuri jinkludu:
- kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin biex jinbena ambjent diġitali aktar sikur
- sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-ambjent diġitali u l-benefiċċji tad-dewmien fl-introduzzjoni tal-għodod diġitali jew tal-introduzzjoni gradwali tagħhom
- kampanji ta' litteriżmu medjatiku u diġitali fost it-tfal u l-adolexxenti
- tfassil aħjar tal-prodotti diġitali biex jiġu promossi s-sikurezza u l-privatezza
- it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' rapportar biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali online
X'jagħmlu l-minorenni fuq l-internet
L-internet sar parti ċentrali mill-ħajja ta' kuljum għal kulħadd, speċjalment għaż-żgħażagħ. Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-tfal ta' bejn id-9 u l-15-il sena jqattgħu medja ta' tliet sigħat kuljum fuq l-iskrins u l-media soċjali.
Fl-2024, 98% ta' dawk bejn is-16 u s-17 sena fl-UE kienu jużaw l-internet kuljum, meta mqabbla ma' 88% tal-popolazzjoni ġenerali. Uħud mill-aktar attivitajiet online popolari għal dawk bejn is-16 u s-17-il sena jinkludu li:
- jiskambjaw messaġġi istantanji
- jaraw televiżjoni jew filmati mxandra fuq l-internet
- iċemplu bit-telefown jew bil-vidjo
- jipparteċipaw f'networks soċjali
- jaraw kontenut tal-vidjo minn servizzi kummerċjali jew ta' kondiviżjoni
- jisimgħu jew iniżżlu l-mużika
Il-media soċjali hija s-sors ewlieni ta' informazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali
Stħarriġ tal-Parlament Ewropew tal-2024 jiżvela li l-media soċjali hija s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali għal dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, aktar mill-media tradizzjonali bħat-televiżjoni u l-aħbarijiet online. B'kuntrast ma' dan, dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena għadhom jippreferu t-televiżjoni mill-media soċjali jew l-aħbarijiet online bħala s-sors primarju ta' informazzjoni tagħhom.
Graff li turi s-sorsi ewlenin ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali għall-gruppi ta' età minn 16 sa 18, 19 sa 24 u 25 sa 30 sena.
Media soċjali:
imsemmija minn 45% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena u dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena, u minn 39% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Televiżjoni:
imsemmija minn 39% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 38% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 41% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Pjattaformi online tal-istampa u/jew tal-aħbarijiet:
imsemmija minn 21% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 25% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 30% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Ħbieb, familja u kollegi:
imsemmija minn 29% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 26% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 33% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Pjattaformi ta' filmati:
imsemmija minn 23% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 24% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 23% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Radju:
imsemmi minn 13% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 14% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 19% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Gazzetti jew rivisti stampati:
imsemmija minn 10% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena, 12% ta' dawk li għandhom bejn id-19 u l-24 sena u 13% ta' dawk li għandhom bejn il-25 u t-30 sena.
Ir-riskji li jiffaċċjaw it-tfal u l-adolexxenti fl-ambjent diġitali
Fl-2023, skont il-Eurostat, 45% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u d-19-il sena fl-UE ltaqgħu ma' messaġġi online ostili jew degradanti. Skont il-Kummissjoni Ewropea, f'dik is-sena biss, kien hemm 1.3 miljun rapport ta' abbuż sesswali tat-tfal fl-UE, inkluż aktar minn 3.4 miljun immaġni u filmat.
L-internet joffri ħafna benefiċċji għat-tfal u l-adolexxenti, bħall-aċċess għall-informazzjoni u r-riżorsi edukattivi, id-divertiment u l-possibbiltà li jibqgħu konnessi ma' oħrajn. Madankollu, jesponihom ukoll għal riskji sinifikanti li jista' jkollhom konsegwenzi serji fuq il-benesseri mentali u emozzjonali tagħhom, bħall-abbuż sesswali ċibernetiku, il-bullying ċibernetiku jew l-esponiment għal kontenut mhux xieraq.
Abbuż sesswali ċibernetiku
Il-grooming ta' minorenni għall-isfruttament sesswali, u l-ħolqien, it-tqassim jew il-pussess ta' materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal.
Bullying ċibernetiku
It-theddid jew it-tixrid ta' informazzjoni falza biex tbeżża', iġġiegħel jistħi jew tirrabja lil xi ħadd.
Kontenut ta' ħsara
Diskors ta' mibegħda, aħbarijiet foloz jew il-promozzjoni ta' awtokorriment.
Kontenut mhux xieraq għall-età
Pornografija, logħob tal-azzard jew materjal relatat mal-alkoħol.
Disinn li joħloq dipendenza jew manipulattiv
Karatteristiċi bħal skrolljar bla tmiem, bidu awtomatiku ta' filmati u notifiki għal materjal li tkun tlift, imfassla biex il-minorenni jibqgħu jinteraġixxu.
Prattiki kummerċjali li jagħmlu l-ħsara
Reklami qarrieqa, sistemi pay-to-win, loot-boxes (oġġetti virtwali f'logħob li dawk li qed jilagħbu jistgħu jixtru bi flus reali).
Il-bullying ċibernetiku u l-abbuż sesswali ċibernetiku jista' jkollhom effetti devastanti fuq it-tfal u l-adolexxenti, bħat-trawma, l-ansjetà, id-dipressjoni, u n-nuqqas ta' awtostima. Il-bniet, b'mod partikolari, qed ikunu fil-mira, spiss mill-mument li jibdew jużaw it-teknoloġiji diġitali u l-media soċjali.
Li jiltaqgħu ma' aħbarijiet foloz jew kontenut mhux xieraq għall-età tagħhom, bħall-pornografija jew il-logħob tal-azzard, jista' jfixkel il-perċezzjoni tagħhom tad-dinja u l-fehim tagħhom ta' mġiba u relazzjonijiet f'saħħithom, u b'hekk irawwem il-biża' u l-konfużjoni.
Karatteristiċi tad-disinn manipulattivi jew li joħolqu dipendenza, bħall-iskrolljar bla tmiem jew il-bidu awtomatiku ta' filmati, jagħmluha aktar diffiċli biex it-tfal u l-adolexxenti jiżviluppaw drawwiet diġitali f'saħħithom, u dan jista' jaffettwa l-prestazzjoni akkademika u l-interazzjonijiet soċjali tagħhom.
Fl-aħħar nett, prattiki kummerċjali li jagħmlu l-ħsara, bħal reklami qarrieqa jew sistemi pay-to-win, jistgħu jwasslu għal dipendenza u jinkoraġġixxu drawwiet ta' nfiq mhux tajbin.
Ara aktar
DSA: il-ġlieda kontra kontenut ta' ħsara online
Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
Prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal
L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Awwissu 2026