Multilateraliżmu
Sir af kif l-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex iżżomm il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja u twieġeb għall-isfidi dinjija.
Meta l-pajjiżi jaħdmu flimkien, jistgħu jsibu soluzzjonijiet komuni għal problemi kondiviżi u jippromwovu l-paċi u l-prosperità għal kulħadd.
L-UE, li hija stess inbniet fuq regoli komuni u kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, tikkommetti ruħha bis-sħiħ għal sistema multilaterali bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha.
X'inhu l-multilateraliżmu?
Il-multilateraliżmu jseħħ meta l-pajjiżi jaħdmu flimkien, permezz ta' djalogu u regoli komuni, biex jindirizzaw l-isfidi komuni u jsibu soluzzjonijiet li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd.
Huwa bbażat fuq l-idea li billi jikkooperaw u jisimgħu lil xulxin, il-pajjiżi jistgħu jiksbu aktar riżultati flimkien minn kemm jistgħu individwalment. L-UE stess hija eżempju ta' kooperazzjoni multilaterali.
Prijorità għall-UE
L-UE tappoġġa bil-qawwa l-multilateraliżmu, filwaqt li taħdem mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u ma' organizzazzjonijiet u sħab internazzjonali oħra biex tiddefendi d-dritt internazzjonali u tippromwovi l-paċi u d-drittijiet tal-bniedem.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, jaħdem mill-qrib ma' sħab madwar id-dinja biex isostni l-kooperazzjoni dinjija u ordni internazzjonali ġusta u bbażata fuq ir-regoli fir-rwol tiegħu bħala rappreżentant tal-UE f'laqgħat internazzjonali.
Attivitajiet tal-President Costa fuq livell dinji: tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' sħab internazzjonali
L-UE u n-Nazzjonijiet Uniti
In-Nazzjonijiet Uniti (NU) huma fil-qalba tas-sistema multilaterali tad-dinja, u jservu bħala pjattaforma għad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-azzjoni kollettiva. Il-pajjiżi kollha tal-UE huma membri sħaħ tan-NU, filwaqt li l-UE hija membru osservatur bi status privileġġat.
L-UE u l-istati membri tagħha jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-Karta tan-NU u l-prinċipji tagħha. Flimkien, huma l-akbar kontributur finanzjarju għas-sistema tan-NU.
Parteċipazzjoni tal-UE fil-korpi ewlenin tan-Nazzjonijiet Uniti
L-Assemblea Ġenerali hija l-korp ewlieni deliberattiv, tat-tfassil tal-politika u rappreżentattiv tan-Nazzjonijiet Uniti. L-UE għandha status ta' osservatur privileġġat u tikkoordina fost is-27 stat membru tagħha biex jiġu ppreżentati pożizzjonijiet unifikati.
Il-Kunsill tas-Sigurtà huwa l-korp dinji ewlieni responsabbli biex jiżgura l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Skont id-dritt tal-UE, il-membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà għandhom jaġixxu flimkien u jrawmu l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE.
Vuċi waħda fil-kummerċ dinji
L-UE ilha membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-korp dinji responsabbli għar-regoli kummerċjali internazzjonali fil-livell multilaterali, sa mill-ħolqien tagħha fl-1 ta' Jannar 1995.
Is-27 pajjiż tal-UE huma membri wkoll f'isimhom stess. Bħala unjoni doganali b'politika kummerċjali komuni u tariffa esterna komuni, l-UE taġixxi bħala vuċi waħda fid-WTO.
Tfassil ta' politiki dinjija permezz tal-G7 u l-G20
Il-G7 u l-G20 huma fora intergovernattivi li jgħaqqdu l-ekonomiji ewlenin tad-dinja u jsawru r-risponsi għall-isfidi dinjija f'kuntest ġeoekonomiku polarizzat u li qed jinbidel malajr.
L-UE ilha membru sħiħ tal-G7 sa mill-1981 u tipparteċipa bħala membru speċjali mhux enumerat. Tliet stati membri tal-UE – Franza, il-Ġermanja u l-Italja – huma wkoll membri.
L-UE ilha membru sħiħ tal-G20 sa mill-ħolqien tiegħu fl-1999. Tliet stati membri tal-UE – Franza, il-Ġermanja u l-Italja – huma wkoll membri. Spanja hija mistieden permanenti.
Kooperazzjoni man-NATO
L-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) hija alleanza politika u militari ta' pajjiżi mill-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq. Il-membri tagħha jintrabtu li jipproteġu lil xulxin minn kull theddid.
Kważi l-istati membri kollha tal-UE huma membri tan-NATO, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija, Ċipru, l-Irlanda u Malta.
Is-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija msejsa fuq valuri komuni, id-determinazzjoni li jiġu indirizzati sfidi komuni u l-impenn inekwivoku għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-paċi, il-libertà u l-prosperità fiż-żona Ewro-Atlantika.
Kooperazzjoni UE-NATO
Djalogu mas-sħab reġjonali
L-UE tikkoopera u torganizza summits regolari ma' sħab reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, is-CELAC (il-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew) u l-Balkani tal-Punent. L-għan primarju ta' dawk is-summits huwa li jallinjaw l-għanijiet politiċi u strateġiċi u li jagħtu spinta lir-rabtiet ekonomiċi u l-kummerċ.
Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-pajjiżi kollha tar-reġjun rilevanti u tas-27 stat membru tal-UE wkoll jieħdu sehem fis-summits.
L-aħħar aħbarijiet
- Keynote speech by President António Costa at the Intelligence on the World, Europe, and Italy – Cernobbio Forum
- Il-President Costa jivvjaġġa lejn it-Turkija għas-summit tan-NATO u laqgħa mal-President Erdoğan
- Speech by President António Costa at the opening ceremony of the Irish Presidency of the Council of the European Union
L-aħħar spjegazzjonijiet
Il-kooperazzjoni tal-UE man-Nazzjonijiet Uniti
Kooperazzjoni UE-NATO
L-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Awwissu 2026